Aphroconfuso
Aphroconfuso
0
Il-podcast tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso, li jesplora l-identità Maltija permezz ta' kitbiet u diskussjonijiet. L-isem ġej minn deskrizzjoni storika tal-poplu Malti bħala ta' karattru imħallat bejn Sqalli u Afrikan. Il-ġurnal ifittex li jmur lil hinn mid-diskors tradizzjonali dwar il-Malti u l-Ingliż, u jħaddan orizzonti ġodda tal-ilsien Malti, inkluż l-użu tiegħu minn barranin. Il-podcast joffri riflessjonijiet dwar il-kultura u l-lingwa f'Malta b'mod kurjuż u kunfidenti.
Epizode
-
Siġra bil-Frott - Nathan Anthony Pace 24.07.2026 1minDin il-poeżija hija reazzjoni għall-pittura Fruit Tree ta’ Harold Ancart f’wirja dwar Milton Avery u l-influwenza tiegħu fuq artisti kontemporanji.https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-siġra-bil-frott/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Distanzi Twal - Jean Paul Borg 21.07.2026 28min« L-esklussività tad-dinja tal-baħar fissret solitudni aktar intensa, u aktar kemm ikun fond aktar tintensifika. Il-baħar baxx, il-qiegħ tista’ tmissu b’saqajk speċjalment fil-bidu ta’ xi bajja, jistieden lin-nies, jagħmlu aktar aċċessibbli, kważi kważi anki jekk ma tafx tgħum. Għandu element ta’ frivolità, huwa parti minn bajja, jistieden il-logħob bil-ballun, taf ukoll li tista’ ddawwar denbek xħin trid u ssib ruħek fuq l-art, soda. Saħansitra tista’ tieħu r-ritratti bil-mobile mingħajr ma xxarrbu għax tista’ ma tintelaqx fih. Ix-xemx tibqa’ għaddejja sal-qiegħ, il-baħar jinħass aktar ċar, jibqa’ trasparenti, u fih m’hemmx wisq fejn tistaħba. Lanqas tista’ timmaġina x’hemm taħtek, kollox mikxuf. Ma jħallilekx misteru. Lanqas biża’. Il-baħar fond, imbagħad, jippermetti l-ikħal jintensifika, u jilgħab il-logħba ta’ kuluri differenti bejn saff u ieħor. Iċekknek, u maċ-ċkunija tiżdied il-vulnerabbiltà. Fil-baħar fond, ċkejken, b’malja, goggles u arloġġ, tmur lura għal sens ta’ primittività. Kważi nud, kważi b’xejn. Il-mobile tħallih warajk. Il-kuntatt jinqatagħlek. Titgħaddas fl-ilma, issir parti minnu, issir suġġett għall-elementi, imqar żiffa taffettwak. Il-baħar, daqskemm żaqqu ratba, af xi drabi jrid jimlieha. Imma dal-ħsieb jibdel l-għawm f’logħba ta’ nkejja miegħu, u fl-istess ħin rispett. Meta titgħaddas fih trid iċċedi lilek innifsek għalih. Jekk jinqala’ intopp mhux se ċċempel; ma tistax iġġib taxi jekk tegħja, lanqas tista’ tordna flixkun ilma jekk jaqbdek l-għatx. Jerġa’ kif tkun, orizzontali flok vertikali, kważi ma tista’ ġġorr xejn miegħek. Sa ħwejġek li kont liebes qabel inżilt isiru vulnerabbli. Tħallihom warajk fuq ix-xatt, lil hinn minnek. La tmur lura taf ma ssibhomx. Fil-baħar, inti u hu biss. »https://aphroconfuso.mt/jean-paul-borg-distanzi-twal/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Bur Mgħeż (tnedija) - Omar N’Shea 14.07.2026 59min« Nassoċja dawn il-postijiet mal-istejjer tan-nies, mal-attivitajiet tan-nies, u bdejna nisimgħu dawn l-istejjer fuq il-barriera stess. Waqt l-okkupazzjoni tal-militar Ingliż f’din il-barriera kien ukoll qed isir ix-xogħol tas-sess. Allura ħafna mit-tfal tal-lokal kienu jiġu mbeżżgħa biex ma jmorrux ’l hemmhekk u bdew jinbtu ħafna stejjer dwar l-erwieħ illi jinstemgħu jgħajtu billejl. Kulħadd għandu dawn l-assoċjazzjonijiet vera koroh u vera negattivi mal-post. Però mbagħad ovvjament bdejna nisimgħu l-istejjer ta’ min jgħidilna li splodiet bomba, li speċi waqt il-gwerra tefgħu bomba. U ta’ min jgħidilna, le, isma’, hemmhekk kien jintuża bħala bomb dump u waħda mill-bombi kienet ħaditilhom. Allura kelli ħafna mistoqsijiet. U bil-mixi fiżiku fil-pajsaġġ kif ukoll bil-mixi tar-riċerka bdejt nipprova nsolvi dawn il-mistoqsijiet. Ċerti affarijiet fil-fatt baqgħu misteri kważi sal-aħħar minuta u fil-verżjonijiet li huma ppubblikati online kien għad ma kellniex ċerti indizzji li ġew wara, u li issa qegħdin fil-ktieb. »It-tnedija ta’ Bur Mgħeż saret fit-3 ta’ Lulju 2026 fl-Imsida Bastion Cemetery, Beltissebħ.https://aphroconfuso.mt/kotba-omar-nshea-bur-mgħeż/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Noti Editorjali: Ryan Falzon 17.06.2026 1h« Karozza ibrida hija newtrali. L-ibridu bla ħoss, l-ibridu ma tistax tbagħbas fih. Bl-ibridu x’tagħmel? Tista’ twaħħallu sticker mit-Temu mal-ġenb. Jiġifieri ma tantx tista’ eżattament tagħmlu tiegħek bħalma stajt iġġib spanner u tiftaħ il-karburatur tal-magna tal-karozza li għadek kif ġibt u tara x’jiġri. Jiġifieri hemm ħafna inqas intrużjoni fuq il-karozzi l-ġodda. Biss, qegħdin naraw nies illi kibru ossessjonament jilagħbu logħob, bħal GTA, li jigglorifika l-kultura tal-karozzi ħafna iktar minn kemm aħna konna noħolmu, fid-disgħinijiet, li ħa nixtru l-famuż Escort. Il-kultura tal-karozzi sabet modi oħra kif tinfilsa u kif tinfiltra, u forsi anka meta tara ċertu aċċidenti spettakolari li seħħew dan l-aħħar żmien fit-toroq tagħna, qishom ġejjin minn video game. Mhux qed ngħidu żewġ ġuvintur li kienu qed isuqu u daħlu ġo arblu. Hemm ħafna iktar manuvrar ukoll ġej mill-fatt li l-karozzi llum il-ġurnata huma ħafna iktar kumplessi: l-ispeed li jitla’ fi żmien qasir ħafna huwa eċċezzjonali. Ovvjament, għalkemm għandek element elettroniku, xorta hemm metodu ta’ kif wieħed jista’ jagħmel ir-remapping u kif jista’ jestendi s-saħħa tal-magna. Modi dejjem ikun hemm, sempliċiment mhux daqshekk aċċessibbli għal kulħadd. Irid ikollok ħafna iktar technical know-how. Mhijiex sempliċiment ejja nbagħbsu ftit mal-magna u mbagħad naraw x’jiġri. Trid tkun taf iktar x’qed tagħmel, toħodha għand xi ħadd illi jaf x’inhu jagħmel. Qisu l-element DIY, għalkemm għadu hemm, mhuwiex daqshekk possibbli daqskemm kien b’magni ħafna iktar sempliċi. »https://aphroconfuso.mt/ryan-falzon-poddata-2026-06-17-noti-editorjali-12-ryan-falzon/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Jisimni Gianna - Loranne Vella 12.06.2026 1h 13min« Dwar il-korla tan-nannu ma’ wliedu sirt naf ħafna wara, wara li ommi mietet, meta z-ziju beda jiftaħ qalbu miegħi dwar it-tfulija tiegħu kull meta kont nistaqsih biex jiddeskrivili kif kienet ħajjithom meta kienu żgħar biex ikolli iktar ma’ xiex niggranfa ladarba ma stajtx nitkellem iżjed m’ommi. Irrakkuntali dwar id-dixxiplina iebsa li kellu missieru fuqu, dwar is-swat, l-umiljazzjoni, il-kliem kattiv. Għarrafni bi mġiba li waħħxitni għax m’għaraftx kif nista’ ngħaqqad l-istampa li dejjem kelli tan-nannu, li kien ifissed fina n-neputijiet u jittrattana ta’ prinċipessi u prinċpijiet, jixtrilna l-ħelwa tat-Tork u l-perlini kkuluriti kull meta kien jitla’ sal-Belt imbagħad jiġi d-dar iżurna, jew meta konna nqattgħu l-ġranet tal-festi għand in-nanniet u jsajrilna l-imbuljuta jew il-kokotina. Kien ix-xbieha li kont naħseb li għandu kulħadd ta’ nannuh. Imma qatt ma ppruvajt naħseb fih bħala missier huwa u jrabbi ’l uliedu fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, fi żmien il-bumbardamenti tal-gwerra, l-ewwel mit-Taljani mbagħad mill-Ġermaniżi, u l-biża’ mill-ġuħ fil-bidu tal-erbgħinijiet meta ommi kien għad kellha erba’ snin. Dawn l-istejjer li beda jgħidli z-ziju qatt ma kienet irrakkuntathomli ommi, avolja nimmaġina li hemm kienet tkun, jekk mhux fl-istess kamra żgur li fl-istess dar, meta nannuwi kien jerfa’ idu fuq ħuha jekk jaħsel jidhirlu li t-tifel għolla leħnu miegħu jew sfidah, meta kien jagħtih daqqtejn ċinturin kif xieraq fuq kuxxtejh, meta kien jgħajru u jobżoqlu f’wiċċu, lil ibnu stess, biex jurih x’jiġri meta iben lil missieru ma jurihx ir-rispett mistħoqq. »https://aphroconfuso.mt/loranne-vella-jisimni-gianna/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Noti Editorjali: Jimmy Grima 06.06.2026 1h 2minJimmy Grima jitkellem ma’ Joe Gatt, waqt din l-edizzjoni ta’ Noti Editorjali, dwar it-traġitt tiegħu mit-teatru għall-esej, dwar ir-riċerka għal xogħol performattiv, kif ukoll għal kitba esejistika u għal dik akkademika. Ukoll dwar it-traġitt tiegħu mit-teatru f’Malta għal dak fin-Netherlands u issa għal darb’oħra lura Malta bħala parti mill-kollettiv Rubberbodies. Jimmy jitkellem ukoll dwar l-importanza tal-memorji fir-riċerka li jagħmel, kemm dawk li jinsabu bħala kitbiet fl-arkivji u wkoll dawk li jinżammu ħajjin fit-tifkiriet tan-nies. Jgħid kif ħafna drabi jibda minn dawk li huma l-eqreb tiegħu, ġieli mill-membri tal-familja tiegħu u mbagħad jimraħ dejjem iktar ’il barra b’mod li fir-riċerka tiegħu jkollu minn tal-inqas żewġ timelines, il-personali u l-komunitarju.https://aphroconfuso.mt/jimmy-grima-poddata-2026-06-07-noti-editorjali-11-jimmy-grima/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Qarn (taħdita) - Romeo Roxman Gatt 16.05.2026 1h 4minFit-23 ta’ April, fiċ-Ċentru għall-Kultura, Edukazzjoni u Informazzjoni f'Ħ’Attard, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb kellna taħdita dwar Qarn ta’ Romeo Roxman Gatt, li din is-sena qed jiġi meqjus għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-letteratura mhux fittizja.Jiddiskutu dan il-ktieb waqt is-serata kien hemm Joe Gatt, Kurt Borg u Omar N'Shea. Niki Young immodera. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress (tnedija) - Loranne Vella 13.04.2026 1h 8minBeverly Agius f’taħdita ma’ Loranne Vella waqt it-tnedija tar-rumanz Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress li saret fl-10 ta’ April fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta.https://aphroconfuso.mt/kotba-loranne-vella-travi-taċ-Ċedru-saqaf-taċ-Ċipress/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress (silta) - Loranne Vella 04.04.2026 15minTravi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress se jiġi ppubblikat fl-10 ta’ April 2026.It-tnedija se ssir fis-7pm fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta, Xatt iċ-Ċangatura, il-Furjana. Ordna l-ktieb minn fuq il-website u ejja iġbru waqt it-tnedija.F’nofs ħajjitha, mara titlaq mill-belt bi ħsibijietha u b’tifkirietha. Tmur lura s-snin ta’ ħajjitha, u s-snin kollha tal-ġnien li darha nbniet fuqu, sakemm dan ma jkunx biżżejjed u pass wara pass, riġlejha joħduha fuq pellegrinaġġ tul ix-xmajjar u qalb is-siġar u l-ħxejjex. Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress jirrakkonta t-tfittxija għall-maqdes u għall-masġar li ġie qablu, il-mixi fit-tul taħt id-dawl tax-xemx u tal-qamar hi u tfittex pajjiż il-Kukkanja ’l bogħod mill-bliet.Irrid ngħallimni t-triq għall-ħelsien. Nerħi minn fuq spallejja għal mal-art sorra ħwejjeġ ma jiġunix u nimxi ’l hemm. Li nsib f’idi filgħodu rrid narah jaħrabli ftit ftit minn bejn is-swaba’ sa filgħaxija mingħajr tberrin li forsi l-għada se jirnexxili naħfen inqas jew xejn. Mix-xejn irrid insawwar festa. Inbattal u nwessa’, niftaħ għall-arja u nnaqqas mit-toqol. Il-ħafif aħjar mit-tqil, il-wisa’ aħjar mid-djuq, ħaġa nieqsa tferraħni iktar minn ħaġa żejda għax it-tbissim ma jimxix id f’id mat-tiġmigħ u l-ħżin. Ma rrid xejn ħlief il-ħelsien minn kollox. Ħielsa m’iniex, ilsira bla ma naf mit-twelid. Iderruni nibla’ s-semm tas-servitù sa ma nieqaf intiegħem l-imrar, minn jeddi nitlob għal iktar, nistħajjilni xxurtjata li għandi x’nixrob biex naqta’ l-għatx. Irrid ngħallimni nobżoq dil-morra, ngħallimni nfittex il-ħlewwa minflok. Irrid inqum u nitlaq. Inqum fuq saqajja u nimxi. Pass pass.Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress huwa r-raba’ rumanz ta’ Loranne. Għal tnejn mir-rumanzi preċedenti tagħha, Rokit u Marta Marta, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb .It-tnedija se ssir fis-7pm fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta, Xatt iċ-Ċangatura, il-Furjana. L-eqreb waqfiet tal-linja huma Sarrija u Floriani A, B, C. Ordna l-ktieb u ejja iġbru waqt it-tnedija. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Noti Editorjali: Nathan Anthony Pace 28.01.2026 40min« Naħseb li r-reliġjon hija t-tieni lingwa tiegħi, illum. Il-Malti, imbagħad ir-reliġjon. ’Qas l-Ingliż. Għax nikbru fihom, u tant kont involut fil-Mużew. Kienet esperjenza pożittiva ħafna għalija. L-allużjonijiet bibliċi, pereżempju t-teoloġija, il-morali, id-duttrina, id-dommatika, dawn l-affarijiet nafhom u nitkellem bihom. Ix-xbihat noħodhom mir-reliġjon anki fil-kitba letterarja tiegħi. Noħodhom mir-reliġjon ħafna drabi u narahom li jartikolaw esperjenza kemm reliġjuża kif ukoll sekulari u esperjenza korporja. Jiġifieri għalija r-reliġjon hija lingwa oħra li jien fluwenti fiha daqskemm jien fluwenti fil-Malti. Kien hemm żmien kont inħossni apatetiku, speċi la nemmen li eżisti Alla u lanqas ma nemminx, għax qisu ma jinteressanix, imma mbagħad erġajt ġejt Malta wara l-Islovakkja u kumbinazzjoni rġajt iltqajt mar-reliġjon fil-forma ta’ dramm dwar David u Ġonatan u għedt, dil-istorja vera tolqotni, speċi fl-istorja vera hemm jien fiha. U għedt ħa nipprova, u qisu dħalt għar-reliġjon, imma kien avviċinament ġdid, li nitgħallem iktar dwar il-Bibbja. Kif sibt f’“nonfoħ fil-kustilja allużjonijiet ġodda” ftit xhur qabel, għax dak iż-żmien kont qed naħseb fuq il-Bibbja, il-Bibbja dejjem hija sors ta’ ispirazzjoni għalija, sors ta’ xbihat, sors ta’ figuri illi internalizzajniehom, u li għalhekk jiksbu għalina sinifikat emottiv qawwi. Jien naħseb li sakemm toħroġ mill-elementi l-ħżiena tar-reliġjon, mill-kundizzjonament, meta titgħallem toħroġ minnhom u tavviċina r-reliġjon minn perspettiva oħra titgħallem ħafna ħafna iżjed u titgħallem dwar ir-reliġjon ukoll. Jiena avviċinajt ir-reliġjon mill-ġdid minn perspettiva queer u femminista, perspettiva ekoloġika, għax kelli dan l-isfond f'moħħi. Allura nista’ naviċina r-reliġjon mod ieħor. Nista’ ngħix ir-reliġjon b’mod queer, b’mod immedjat. »https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-poddata-2026-01-28-noti-editorjali-10-nathan-anthony-pace/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Noti Editorjali: Miriam Galea 22.01.2026 42min« Inħoss li għandi approċċ sensorjali ħafna jiġifieri mhux ħa nippjana wisq minn qabel imma nsegwi l-istint. Pjuttost proċess awtomatist. Fit-teatru tbegħidt ftit mill-iscripts li titgħallem u tagħmel quddiem in-nies, u mort iktar lejn teatru li jinbena minn proċess ta’ improvizzazzjoni li mbagħad toħloq performance minnu, u l-istess approċċ għandi għall-kitba u għall-arti. Nipprova nsegwi l-proċess u mhux nippjana minn qabel x'se jsir. Inħalli lili nnifsi nispira ruħi minn x'joħroġ waqt li qed naħdem. F’dak is-sens, iva, imbagħad jirriżulta ferm iktar imġissem. »https://aphroconfuso.mt/miriam-galea-poddata-2026-01-22-noti-editorjali-9-miriam-galea/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Noti Editorjali: Nicole Borg 13.01.2026 34min« Dak inqisu l-punt tat-tluq tar-riċerka tiegħi, il-problema li hawn bħalissa bl-iżgumbrament tal-bdiewa, jiġifieri din hija xi ħaġa li bdiet primarjament minn żmien il-Covid. Qisha faqqset dak iż-żmien però issa qed naraw li qed tikkalma ftit is-sitwazzjoni. Il-bdiewa litteralment qed jiġu żgumbrati minn arthom biex jinħoloq post għal żvilupp. Din tbeżżagħni ħafna. Nafu sew li l-prezzijiet tal-art agrikola hawn Malta huma m'ogħla s-sema, huma ftit mill-ogħla, jekk mhux l-ogħla, fl-Ewropa. U nafu sew li aħna gżira żgħira, l-insularità tinħass f'kulma nagħmlu. Fl-ikel donna nħossuha ftit imma donnha għadha ma waslitx fejn għandha tasal. Il-fatt li l-art agrikola kuljum qed tonqos u tonqos mhux talli qed iżidilna d-dipendenza fuq pajjiżi oħrajn li jipprovdulna l-ikel tagħna imma qed inaqqas mill-possibbiltà li nistinkaw u niddiskutu s-sovranità tal-ikel. Is-sigurtà u s-sovranità jaħdmu flimkien però mhumiex neċessarjament dipendenti fuq xulxin. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ kunċetti differenti, jiġifieri l-fatt li m'aħniex konxji li art agrikola ma tantx fadlilna, jew il-fatt li mhux qed ikollna dil-konverżazzjoni iktar fit-tul jew iktar fil-wisa'... Hawnhekk jidħol il-kunċett tas-sovranità. Li jkun hemm bżonn li tinnova jew li tadatta l-identità tal-ikel tiegħek hija coping mechanism, fis-sens hija xi ħaġa li għandna obbligu li nagħmlu għax, jekk ħa nibqgħu sejrin hekk, ir-rabta li għandna mal-ikel iktar u iktar se tkompli tintilef. Jiġifieri, fuq livell ta’ individwu nerġa' ngħid, hija l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu, nibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħna u ngħidulhom, isma', aħna hawn qegħdin, nafu minn xiex intom għaddejjin u nismgħukom qegħdin... Ovvjament fuq livell iktar għoli, fuq livell ta' policy, din il-ħaġa trid tiġi indirizzata b'mod li jolqot oqsma differenti, il-kultura, l-ilma, il-wirt, x'naf jiena. Però, ma nixbax ngħidha, ibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħkom kellmuhom. Qattgħu l-ħin magħhom, ħudu kafѐ magħhom, u minn hemm vera nkunu nistgħu nifhmu l-ikel x'inhu, l-ikel tagħna x'inhu, l-identità tagħna x'inhi, u fejn sejjer dan kollu. Ovvjament dan id-diskors hemm marbut miegħu d-diskors tas-saħħa, kemm is-saħħa tagħna, li tiddependi ħafna minn minn dak li nieklu, kif ukoll is-saħħa tal-art—jekk l-art hija fertili, qed tħaddimha, qed tkabbarha, qed iżżommha b'saħħitha u tista' tibqa' b'saħħitha għall-futur. »https://aphroconfuso.mt/nicole-borg-poddata-2026-01-13-noti-editorjali-8-nicole-borg/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Es Sidr (taħdita u siltiet) - Omar N’Shea 14.12.2025 1h 30min« Meta kont qiegħed infittex il-ġeneru ta’ kitba fil-Malti li seta’ jgħinni ngħid dak li kont qed nipprova ngħid, ovvjament mort l-ewwel lejn il-kotba tal-istorja u lejn il-bijografiji, l-awtobiografiji, u mhux fil-Malti biss, ovvjament ġej minn letteratura ħafna iktar wiesgħa. Però ridt inħares lejn il-Malti speċifikament. Ħassejt illi s-suġġett huwa dejjem fiss fil-memoir, fil-bijografija, fl-istorja is-suġġett huwa dejjem fiss jiġifieri inti qed taħdem minn suġġett illi huwa dejjem fiss. Jiena kelli kollox ħlief suġġett fiss, jiġifieri jiena dawn in-nies li qed nikteb fuqhom assolutament ma kont naf xejn dwarhom ħlief li kelli teoriji ġo rasi. Allura ndunajt illi assolutament ma nistax nikteb memoir għaliex jiena ma kelli xejn fuqhom u lanqas ma kelli fuqi nnifsi. Lanqas kelli l-lingwa biex nikteb fuqi nnifsi, allura bdejt infittex dak il-ġeneru li lili beda jtini l-possibbiltà biex nitteorizza s-suġġettività tiegħi. Mhux biex nitkellem fuqi però biex nitkellem fuq dawk in-nies bħali illi jiena ma bdejtx nara fil-kitbiet li kont qed infittex. Ovvjament, għandna ħafna bijografiji ta’ politikanti, avukati, nutara, kollha erbgħin euro u ħamsin euro. Għandna ħafna memoirs. Inħoss illi meta inti tiġi minn klassi speċifika, klassi rispettata mis-soċjetà, klassi li hija rappreżentata tajjeb, klassi illi hija emanċipata ħafna, klassi li għandha rappreżentazzjoni vera, anke fis-soċjetà, inti konxju ħafna tas-suġġettività tiegħek. U peress illi inti konxju tas-suġġettività tiegħek għandek ħabta tirrekordja s-suġġettività tiegħek, iżżomm djarju pereżempju. Li tikteb il-memoir tiegħek, li taf f’xi punt xi ħadd se jikteb il-memoir tiegħek, allura anke tgħix il-ħajja kważi koreografata jew kurata b’dan il-mod illi taf li xi darba xi ħadd ħa jikteb fuqek jew inkella għall-inqas li ħajtek hija denja li tikteb fuqha. Jiena ma niġix mill-klassi soċjali fejn nista’ nagħmel dan. Jiena ħbejt id-dettalji ta’ ħajti, mhux niżżilthom fid-djarju. Allura meta bdejt niltaqa’ mal-esej u mal-esejistika u l-kitba letterarja esejistika bdejt inħoss li hemmhekk tista’ tilgħab ħafna iktar, għaliex il-ġeneru mhux daqshekk fiss. Anki għaliex iħallik iddaħħal tropes letterarji, pereżempju, jew mill-arkivji. Għaliex ħadd mhu qed jikteb għalina u ħadd ma qed jikteb fuqna għaliex ħajjitna mhijiex denja li tinkiteb fuqha. Jiena trabbejt nemmen illi fil-kotba, fid-dinja tal-kotba, fl-ekosistema tal-kotba, nies bħali m’hemmx għalfejn, anzi mhux talli m’hemmx għalfejn ikun hemm ktieb fuqhom talli m’aħniex denji li jkun hemm kitba fuqna. Allura ovvjament jiena ġej minnha u għandi bżonn nitteorizzaha din, u l-memoir ma jħallinix nitteorizzaha. Jiġifieri meta taqraw Es Sidr, ovvjament Es Sidr huwa teorija sħiħa fuq l-internazzjonalità tal-ġeneru, tal-klassi, tal-etnija, u tal-ġisem fl-istorja, huwa teorija sħiħa. U allura hemmhekk l-esej jagħtini l-ispazju, u jagħtini n-nifs, biex nitteorizzaha mingħajr ma nkun qed nagħmel teorija espliċita ta’ metodoloġija, bħalma nagħmlu fl-akkademja, ovvjament, għaliex ġej mil-letteratura. Meta nitkellmu fuq ħajjitna ħafna drabi niġu patoloġizzati, kemm għandek ħajtek trawmatika, pereżempju, qed tikteb it-trawma. Le jiena qed nikteb l-affarijiet li vera nħobb fi tfuliti. Dawn l-istrateġiji ta’ ħabi, dawn l-affarijiet li kienu jdejquni, jien inħobbhom u ngħożżhom u tgħallimt ngħix bihom, u tgħallimt ngħix magħhom, bħalma nies bħali tgħallmu jgħixu magħhom. M’iniex qed nikteb it-trawma, però qiegħed nikteb kif għext ħajti, u ħajti ma kinitx trawmatika bl-ebda mod, kieku kienet trawmatika m’iniex qiegħed hawnhekk. »Fit-3 ta’ Diċembru, fil-Librerija Pubblika ta’ Pembroke, Omar N’Shea tkellem mal-librar Rafel Grima dwar Es Sidr, u qara wkoll xi siltiet mill-ktieb.Es Sidr jinsab għall-bejgħ: https://aphroconfuso.mt/kotba-omar-nshea-es-sidr/ritratt: Beverly Agius Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Noti Editorjali: Kristina Borg 04.12.2025 47min« Li beda joħroġ b’mod prominenti fis-sena sabbatika kien il-proċess, li dejjem kont konxja tiegħu u dejjem kont nitkellem ħafna dwaru u għalija dejjem kien importanti. Kultant iktar importanti mir-riżultat finali sa ċertu punt. Jew biex inpoġġiha aħjar, il-proċess minnu nnifsu huwa riżultat finali. Imma naħseb fis-sena sabbatika ġejt konxja tal-proċess u minn hemm bdejt nirrealizza, isma’ l-bijonota kważi kważi qisu hemm template u kulħadd jimla din it-template. U kien hemm istituzzjoni f’din l-aħħar sena, kont qiegħda residenza u talbuni bijonota vera b'mod riġidu. Riedu ħames sentenzi. Fl-ewwel sentenz għid hekk. Uża hekk. Ibdieha hekk. Jiġifieri kienet vera imla l-vojt, biex imbagħad jużaw il-bijonota fuq il-website tagħhom. U jien dak iż-żmien kont għaddejja minn dan il-proċess li nirrevedi l-bijonota tiegħi. Kelli tir li nbiddel il-bijonota u kont għadni qed nifhem xi rrid inbiddel. Allura kont tajthom il-bijonota kif riduha, għax ovvjament dawn riduha fi żmien ma nafx kemm. Ir-residenza kienet f'April, xahar. Jien stess ma kontx għadni fhimt kif irridha. Imma “isma’ ix-xogħol tiegħi huwa hekk, għamilt hekk, mort hemmhekk, kelli esebizzjoni hemm, ħadt dan il-premju” x’qed jgħidu fil-verità? Meta bdejt naħseb li kieku xi ħadd jaqraha din il-bijonota u mbagħad xi ħadd jiltaqa’ miegħi, tant hemm ċertu anonimat fiha, qisu ma tistax tpoġġi wiċċ mal-kitba, u bdejt naħseb ħafna fuq kif nista’ nikkomunika iktar is-sens tal-proċess. Allura aktar milli x’nagħmel, kif nagħmlu. » Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
persefoni tmur tixtri l-ħwejjeġ secondhand - Nathan Anthony Pace 02.12.2025 2min«Aħna nibdlu l-ġeneruma’ kull żerriegħa tar-rummien li nigdmu u nobżqu ’lbarra.Ġisimna jibdel l-istaġuni:sitt xhur Adesitt xhur Demetrasitt xhur alla bejniethom.»https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-persefoni-tmur-tixtri-l-ħwejjeġ-secondhand/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Es Sidr (silta) - Omar N’Shea 24.10.2025 24minBiex tixtri dal-ktieb, ibgħat €20 lil revolut.me/aphroconfuso u għidilna meta se tiġbru jew se nwassluhulek. Jekk m’għandekx Revolut, il-link tippermettilek li tħallas bil-card tiegħek. Tista’ wkoll tħallas bil-Paypal, fuq l-email kotba@aphroconfuso.mt.Għal kull mistoqsija dwar xiri ta’ kotba, ibgħat email fuq kotba@aphroconfuso.mt.Wara l-mewt ta’ ommu, Omar N’ Shea jsib file li donnha kienet ħallithulu apposta biex isibu. “Il-file mimli, imbulmat b’ittri miktubin mill-istess id... organizzati skont id-data ta’ meta nkitbu, bl-ewwel waħda fuq u l-aħħar waħda taħt nett.” Il-file kien rah qabel, snin ilu:Darba, waqt dagħdigħa bħal tas-soltu biex nara x’se nsib fil-cupboard ta’ taħt, bqajt inqalleb iktar fil-qiegħ u kien ħareġ dal-file li għandi f’idi llum minn ġo basket tal-plastik isfar. Kien bejn files oħra ta’ ditta Amerikana taż-żejt u karti tal-ittri ta’ ditta li m’għadnix niftakarha. It-toqol tal-file kien mill-ewwel tani indikazzjoni li l-kontenut tiegħu kien importanti u li kien qed jinħeba. Ftaħtu immedjatament u mal-ewwel daqqa t’għajn indunajt li kien fih skoss ittri li kien kiteb Otman Salem Otman lil ommi. Il-kitba tiegħu tixbah ftit lil tagħha. Kitbilha ħafna. Kitbilha spiss. Kont naf min kien, però kont rajtu darba biss, u kont għadni wisq żgħir biex niftakar iktar minn dik il-memorja fuġġenti u effimera li għandi ta’ raġel sħaba f’żona tal-moħħ distanti immens. Nassoċjah ma’ dar żgħira l-Gżira li xi kultant ngħaddi minn ħdejha u nħokk mal-ħajt biex inħalli mal-ġakketta ftit trab mit-tmermir tal-faċċata, ma’ banju ilma sħun ifuħ, ma’ qmis bajda mgħoddija. Però l-memorja li għandi tiegħu tieqaf hemm. Ġieli nara ismu f’xi ċertifikat maħruġ mill-Insinwa, ġieli jkolli niktbu meta nkun qed nimla xi formola, u m’ilux staqsewni għalih biex joħorġu ċ-ċertifikat tal-mewt t’ommi. Il-bqija, baħħ.Minn dawn l-ittri mibgħuta mil-Libja, Omar fl-aħħar jibda jgħaqqad l-istorja ta’ ommu u Otman, jibda jifhem l-aġir tal-familja tiegħu u t-tifsira ta’ ċerti memorji. U hekk kif jibda jimla l-lakuni f’dak li jaf dwaru nnifsu, fl-istorja tiegħu u ta’ niesu, u ta’ min kienu eżattament niesu, jibda jimla wkoll il-lakuni fl-istorja tagħna. L-istorja tibda fis-sebgħinijiet, f’dawk is-snin meta dan il-pajjiż tant qrib tagħna, f’daqqa waħda beda jinħass eqreb minn qatt qabel Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Għalhekk Qed Nivvjaġġa bil-Mod #1: 7236 - Kristina Borg 18.09.2025 30minFtit metri oħra ’l ġewwa u ieħor minn dawn il-kloni jitlobni ċ-ċitt tal-karta u jistaqsi, “Da sola?” Għandek xi problema? jaħseb moħħi. Minflok, nirrispondi, “Sì,” u nipprova nżomm espressjoni newtrali, indifferenti, imma żgur li wiċċi qed jikxifni, dak dejjem jitkellem qabli u iktar minni. Qisu għad fadal l-aħħar ftit metri, u membru ieħor tal-ekwipaġġ jaqra ċ-ċitt tal-karta, ifittex ftit, u jistaqsi, “Da sola?” Il-ħanina dinja, erġajna! Qisha xi litanija tas-seba’ visti. Xi ż-żigg trid? Mhux aħjar tgħidli fejn għandi mmur, forsi norqod. Daqshekk stramba li mara tivvjaġġa waħedha? Anki Lucie Azema tikteb dwar kif fl-istorja tal-ivvjaġġar il-baħrin irġiel ma kinux iħallu n-nisa jitilgħu abbord, tant li ħolqu superstizzjoni li mara abbord iġġib xorti ħażina, l-istess bħall-fniek u l-qassisin.Il-Kodiċi tal-Ġustizzja Klimatika li nsemmi fl-esej huwa Climate Justice Code: For artists, art workers, and arts organisations situated in the Global North, maħruġ mill-Climate Justice Code working group (Casco Art Institute 2023) u disponibbli online. The ABC of the Projectariat: Living and working in a precarious art world, ta’ Kuba Szreder huwa pubblikazzjoni Manchester University Press 2021; fuq il-website tagħhom, il-pubblikaturi għandhom sinopsi tajjeb tal-ktieb. Les femmes aussi sont du voyage: L’émancipation par le départ ta’ Lucie Azema huwa pubblikazzjoni Flammarion 2021. La vita bugiarda degli adulti ta’ Elena Ferrante huwa pubblikazzjoni E/O 2019. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
L-Għoxx Mera tar-Ruħ - Glorianne Micallef 28.08.2025 53min« Issibha diffiċli biex tqum minn fuq il-bank. Tħoss qalbha tħabbat iżżejjed, wasal il-ħin li twettaq il-pjan li fasslet il-lejl ta’ qabel wara l-bikja, hi u tiekol biċċa wara biċċa mill-kejk sa ma taħnet nofsu. Taf li ma tistax tibqa’ bilqiegħda hemm għal dejjem. Taf li din il-bawxata, avolja daħlet fiha intortament, ħadd ma jista’ jgħinha toħroġ minnha ħlief hi. Isa, Anna Maria, kuraġġ. Allura tinqala’ minn fuq il-bank u tibda miexja, barra l-ġnien, minn maġenb iż-żwiemel tal-karozzini jilhġu u jintnu fis-sħana ta’ nofsinhar, lejn San Ġakbu, bħalma tagħmel kuljum, u kif tkun ħa tibda tielgħa t-taraġ tħares ’il fuq u tinduna li l-bieb magħluq, b’karta mwaħħla, the museum is closed for upkeep and will be re-opening tomorrow. »https://aphroconfuso.mt/glorianne-micallef-l-għoxx-mera-tar-ruħ/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Bur Mgħeż #5: Id-difna tal-memorji - Omar N’Shea 29.07.2025 1h 14min« Żoni ambigwi bħal dawk li kienu parti mill-apparat kolonjali f’Malta huma iktar diffiċli tagħmel sens minnhom minħabba li, mat-tluq tal-Ingliżi, kien hemm xi wħud li ma kellhom l-ebda idea ċara dwar is-sjieda tal-art. Ħafna ħassewhom intitolati għal biċċa plott u ma damux ma ħadu li sabu għalihom infushom biex jagħmlu d-dominju żgħir tagħhom. Missier Frans jgħidli li meta telqu l-Ingliżi, l-affordanza tal-bini mitluq, midrub, irvinat, kien hemm min fehemha b’mod li qabillu sew: spiss inkun miexi fl-imwarrab u ninnota, xhar wara xhar, sena wara sena, l-istrateġija li tiġi użata minn dawk li jfittxu jikkapparraw l-art għad-dominju żgħir tagħhom. Bħallikieku teżisti setta sigrieta li tgħallimhom l-istrateġija tal-approprjar bit-tfesfis: l-ewwel li jiġu mqiegħda huma serbut bricks tul il-perimetru tal-plott, imbagħad karozza żdingata jew xi dgħajsa mqarqċa bix-xemx, u wara t-tankijiet tal-ilma tal-ħamsin. Jinżergħu l-ful, il-buqari, u x-xtieli tal-ward. Imbagħad, bil-mod il-mod, jibdew jinbnew “strutturi temporanji”. Wara ftit, dawn l-istrutturi jiġu estiżi għal dawk permanenti bħal ħitan għolja li jaħbu l-attivitajiet tal-bini għaddejjin ġewwa. »Ħajr lil Sharon Sultana u ’l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess biex stajt nieħu r-ritratti tal-fdalijiet. “Raħal/Barriera” ta’ Victor Fenech hija meħuda minn Sangraal, pubblikazzjoni Bugelli 1987. Fenech kellu x-xogħol “Raħal/Barriera” ta’ Emvin Cremona u kiteb il-poeżija dwaru. The Archaeology of Crete, il-ktieb ta’ John Pendlebury li tant influenza li J.D. Evans kien pubblikazzjoni Methuen 1939. Malta: The Maltese Islands and Their History ta’ Temi Zammit, kien ippubblikat mill-Malta Herald fl-1929. The Stone Age of Mount Carmel ta’ Dorothy Garrod et al, ħareġ f’żewġ volumi, bejn l-1937 u l-1939 u kien ippubblikat mill-Clarendon Press, f’Oxford. The Dawn of European Civilisation ta’ Gordon Childe, oriġinarjament ippubblikat fl-1925, huwa disponibbli f’edizzjoni ppubblikata minn Routledge fl-2013. Prehistoric Antiquity of the Maltese Islands: A Survey ta’ J.D. Evans kien ippubblikat mill-Athlone Press fl-1971. Għal dan l-esej ikkonsultajt Malta Before History : the world’s oldest free-standing stone architecture, Daniel Cilia editur, pubblikazzjoni Miranda 2004, kif ukoll Zammit of Malta ta’ Roger Ellul-Micallef , Allied Publications 2013. “Xbihat taż-Żmien” ta’ Marlene Saliba hija meħuda minn Xbihat tal-Antenati, li ħareġ fl-2011.https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-5-id-difna-tal-memorji/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information. -
Invokazzjonijiet: il-ħames - Beverly Agius 27.06.2025 1minAphroconfuso,jaqaw sirt taf li qed niktbek?https://aphroconfuso.mt/beverly-agius-invokazzjonijiet-5-il-ħames/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
Popularan u
Ovaj podcast se pojavljuje i u podcast listama ovih zemalja.